F’Malta l-impjiegi jiżdiedu b’rata d-doppju taż-żona ewro

Fi stqarrija maħruġa llum il-Gvern iddikjara li wara li l-ġimgħa li għaddiet statistika tal-Eurostat ikkonfermat li l-ġid nazzjonali ta’ Malta qed jiżdied b’rata d-doppju tal-medja taż-żona ewro, stqarrija oħra tal-Eurostat issa turi li l-istess distakk jeżisti anke fil-ħolqien tal-impjiegi.

Fil-fatt, fit-tieni kwart tal-2016, f’pajjiżna l-impjiegi kienu 2.8% ogħla milli kienu fl-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. B’kuntrast, madwar iż-żona ewro, iż-żieda kienet ta’ 1.4%.

Ta’ min ifakkar li matul it-tieni kwart tal-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, l-impjiegi kienu żdiedu b’1.8% biss.

Fl-ewwel tliet snin ta’ din il-leġiżlatura pajjiżna dejjem kellu l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-riżultat wassal lill-Kummissjoni Ewropea biex tbassar li anke din is-sena, pajjiżna se jibqa’ fil-quċċata fejn jidħol il-ħolqien tal-impjiegi.

L-istqarrija żżid tgħid li il-Gvern huwa kommess li jkompli bil-ħidma tiegħu biex jinħolqu aktar impjiegi. Il-budget li ġej se jkun qed jikkonsolida l-politika ekonomika u soċjali mwettqa mill-bidla tal-amministrazzjoni, u jkompli jżid id-dinamiżmu ta’ pajjiżna.