Miżuri biex jgħinu fl-andament tat-traffiku fil-ġranet li ġejjin

Hekk kif fil-ġranet li ġejjin l-iskejjel jiftħu l-bibien tagħhom u bħalma jiġri kull sena, il-volum ta’ traffiku fit-toroq Maltin jikber, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi sejjaħ laqgħa tal-kumitat dwar l-immaniġġjar tat-traffiku, fejn ġew diskussi għadd ta’ miżuri li għandhom jiġu implimentati biex jilqgħu għal din is-sitwazzjoni.

Matul il-laqgħa li għaliha kien preżenti l-Kummissarju tal-Pulizija Laurence Cutajar, rappreżentanti tal-LESA u rappreżentanti mis-settur tal-edukazzjoni, kif ukoll uffiċjali oħrajn minn TM u mill-Korp tal-Pulizija, il-Ministru Joe Mizzi talab u ntlaħaq qbil li f’postijiet strateġiċi li huma familjari ma’ konġestjonijiet tat-traffiku, kif ukoll f’postijiet fejn ikun hemm id-dħul u l-ħruġ ta’ tfal minn ċerti skejjel u minn żoni fejn bħalissa għaddejjin proġetti, ikun hemm preżenza massiċċa ta’ pulizija tat-traffiku, li jiġu assistiti minn uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta.

Dawn se jkunu preżenti fl-aktar ħinijiet bieżla matul il-ġurnata f’toroq arterjali bħall-Belt u l-Furjana, il-Marsa u Raħal Ġdid, il-Kappara, San Ġwann u l-by-pass ta’ Birkirkara, kif ukoll fl-inħawi tal-Mosta u r-Rabat.

Sadanittant, il-Kunsill Nazzjonali dwar is-Sigurtà fit-Toroq u Transport Malta se jżommu lis-sewwieqa aġġornati dwar għeluq ta’ toroq u rotot alternattivi li jistgħu jintużaw, kemm fuq il-media u anke permezz tal-VMS’s.

Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura jappella lis-sewwieqa biex isegwu r-regolamenti tat-traffiku, ma jipparkjawx b’mod li jkunu ta’ ostaklu għal ħaddieħor u jfixklu l-andament tat-traffiku, u jippjanaw tajjeb il-vjaġġ tagħhom billi jaħsbu minn qabel. F’dawn il-ġranet, Transport Malta bdiet ukoll kampanja edukattiva li se tkun mifruxa b’mod estensiv fix-xhur li ġejjin fuq il-mezzi kollha tax-xandir dwar l-importanza li nħarsu s-saħħa u s-sigurtà tagħna u ta’ kull min juża t-toroq.

Il-Ministeru jħeġġeġ ukoll carpooling u jfakkar li min ikun qed jagħmel dan jista’ jgħaddi anke mill-priority lanes għall-użu tat-trasport pubbliku. Barra minn hekk, wieħed jista’ jagħmel ukoll użu mill-mezzi tat-trasport bil-baħar, li huma ideali għal dawk li jaħdmu ġurnata sħiħa f’postijiet bħall-Belt Valletta, il-Furjana u Tas-Sliema.