Laqgħa ġenerali annwali tal-Malta Air Traffic Services (MATS)

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis kien preżenti u indirizza l-laqgħa ġenerali annwali tal-Malta Air Traffic Services (MATS) fejn ġew diskussi diversi temi marbuta mal-immaniġjar tat-traffiku tal-ajru u tal-operat tal-kumpanija in ġenerali.

Il-Malta Air Traffic Services irnexxilha tirdoppja l-profitt tagħha fl-2013 u kompliet fit-triq pożittiva li qabdet matul dawn l-aħħar tliet snin, fejn baqgħet tirreġistra profitt. Il-Ministru saħaq li dan jirrifletti l-ħidma kbira li qed issir mill-board, management u l-impjegati kollha tagħha. Il-kumpanija diġà kkommettiet mal-Unjoni Ewropeja illi sal-aħħar tas-sena 2019 se tinvesti madwar 28 miljun Ewro sabiex issaħħaħ il-faċilitajiet u t-tagħmir li topera bih. Kif għamlet ukoll matul it-tliet snin ta’ qabel, il-kumpanija qed tiffinanzja l-ispiża kapitali kollha mill-working capital tagħha u mingħajr il-ħtiega illi tirrikkorri għal self mingħand il-Gvern jew banek kummerċjali, kif kien jiġri fl-amministrazzjonijiet preċedenti, kompla jgħid il-Ministru Zammit Lewis.

Għal darb’oħra, il-Ministru tenna kif sar matul dawn l-aħħar sentejn, il-kumpanija Malta Air Traffic Services mhu qed tirċievi l-ebda subvention mingħand il-Gvern, anzi qed tħallas dividend ta’ €500,000 għal din is-sena li qiegħed imur fil-fond konsolidat. Dan huwa sinjal ċar tal-għaqal li qed titmexxa bih l-istess kumpanija.

Dan il-Gvern kontinwament ifittex li jimmodernizza l-apparat operattiv u tekniku sabiex jibqa’ aġġornat fuq żviluppi li qed isiru kontinwament fis-settur tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru madwar l-Ewropa, sostna l-Ministru għat-Turiżmu.

Sa issa l-Malta Air Traffic Services kompliet xogħolha fuq il-proġett tal-Air Traffic Management (ATM) System Upgrade.  Dan huwa l-akbar u l-aktar proġett kumpless li l-MATS qatt se twettaq minn żmien it-twaqqif tagħha bħala kumpanija governattiva.

Proġetti oħra jinkludu l-bini ta’ ċentru tal-kontroll ġdid għat-traffiku tal-ajru, il-bdil ta’ primary radar eżistentiġewwa Ħad-Dingli, sistemi ta’ aeronautical message handling u automated dependent surveillance broadcast—kollha inizzjattivi li jkomplu jgħinu il-kumpanija timmodernizza l-għodda tagħha biex twettaq xogħolha b’mod sikur u effiċjenti.

MATS kontinwament tikkonsidra parteċipazzjoni fi proġetti oħrajn f’kollaborazzjoni ma’ Air Navigation Service Providers (ANSPs) oħra, f’inizzjattivi iktar wiesa’ tas-Single European Sky.

Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu rringrazzja lill-board, partikolarment liċ-Chairman Tony Abela, il-management, l-eks Kap Eżekuttiv Carmel Vassallo u l-Kap Eżekuttiv il-ġdid Kenneth Chircop, kif ukoll l-impjegatikollha fi ħdan il-MATS tas-suċċessi li qegħdin jitwettqu fl-industrija tal-avjazzjoni li juri l-viżjoni ta’ dan il-Gvern li jimplimenta miżuri ġodda u innovattivi biex Malta tkun minn ta’ quddiem f’dan is-settur ukoll.