Negozji tal-Familja Maltin huma ta’ ispirazzjoni għall-ekonomija Maltija u Ewropea – Ministru Cardona

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2016/06/29/negozji-tal-familja-maltin-huma-ta-ispirazzjoni-ghall-ekonomija-maltija-u-ewropea-ministru-cardona/

Il-bierah il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona kien preżenti għal ċerimonja fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-grupp ta’ kumpaniji OzoGroup li matulha kien iffirmat ftehim kollettiv bejn il-kumpanija u l-GWU. Waqt dan l-avveniment kienet ukoll imħabbra espansjoni tal-operat ta’ din il-kumpanija f’faċilitajiet ġodda f’Ħal Far, b’investiment ta’ €4 miljun u żieda ta’ 300 impjegat fuq l-1200 impjieg eżistenti.

Riċentament, OzoGroup intgħażlet mill-Borża ta’ Londra bħala waħda minn elf kumpanija oħra ta’ ispirazzjoni għall-Ewropa. Dan huwa unur għal OzoGroup u għal pajjiżna, fejn dan in-negozju ġie minn quddiem fost it-23 miljun kumpanija Ewropea li applikaw għaliha. OzoGroup ukoll ħareġ rebbieħ fl-aħħar edizzjoni tal-European Business Awards li saru f’Londra, fiż-żewġ kategoriji ta’ “National Champion” u “National Public Champion.”

Il-Ministru Cardona semma’ kif is-suċċessi ta’ din il-kumpanija huma testment tal-ħiliet Maltin u tal-potenzjal u saħħa tan-negozji tal-familja. Dan il-Gvern irrikonoxxa l-irwol indispensabbli ta’ dawn in-negozji għal Malta u għall-prosperità tal-Ewropa li jiġġeneraw tkabbir ekonomiku u impjiegi, u jipprovdu stabbiltà dejjiema. Miżuri innovattivi bħal l-Att tan-Negozju tal-Familji ikomplu jirrikonoxxu dan is-settur u jkomplu jiffaċilitaw u jissapportjaw l-unità ta’ dawn in-negozji fl-isforz sabiex jaħdmu kollettivament biex jiżguraw l-eżistenza tagħhom.

Il-Ministru indirizza wkoll ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit li permezz tiegħu nibtet ċertu inċertezza fi swieq internazzjonali, iżda saħaq kif għandu kunfidenza sħiħa fil-ħila tal-ħaddiema Maltin u l-ispirtu intraprenditorjali qawwi li jaħkem il-pajjiż, li hu kapaċi idawwar sfida f’opportunità ġdida.

“Dan huwa mument ta’ prova ieħor għal pajjiżna, fejn l-għaqal tal-Gvern f’dawn l-aħħar snin saħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala lok fejn tirrenja klima li fiha investitur Malti kif ukoll barrani jħossu komdu jinvesti u joħloq l-impjiegi. Dan qed nagħmluh u se nkomplu nagħmluh billi nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet, noħorġu b’miżuri innovattivi u niddiversifikaw u nsaħħu l-ekonomija tagħna,” qal il-Ministru Cardona.

Il-Ministru Cardona temm l-intervent tiegħu billi awgura lill-familja Muscat, lill-impjegati u l-kumpanija OzoGroup aktar suċċess.