Mhux se jikinsu iżjed trab iswed!

Sena wara li l-Power Station tal-Marsa ġiet mitfija, l-Enemalta tikkonferma li l-lokalitajiet tal-inħawi qed igawdu minn kwalità ta’ arja aħjar u l-ilmenti dwar it-trab l-iswed waqfu kompletament. Skont studji li b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, f’Jannar ta’ din is-sena, l-ammont ta’ emissjonijiet SO2 (sulphur dioxide) fl-arja fl-inħawi tal-Marsa naqsu b’madwar 80%.

Ir-riżultati tal-ammonti ta’ SO2 – wieħed mis-sorsi ta’ tniġġis li jistgħu jwasslu għal mard respiratorju, l-ażma u l-allerġiji – fil-Marsa tant huma pożittivi li kważi laħqu l-istess livelli li normalment jinstabu f’postijiet rurali fejn mhemmx industrija.

Ir-riżultati tal-livelli ta’ SO2 fil-Marsa kien kważi l-istess innutat fl-istazzjon tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja Global Air Watch li għandha l-Università ta’ Malta fil-Fanal tal-Ġordan, fl-Għarb, Għawdex.

Meta ntfiet il-Power Station, waqfu wkoll ir-rapporti u l-ilmenti dwar it-trab l-iswed, li dwaru kienu jitkellmu ta’ spiss ir-residenti tal-Marsa, il-Furjana, Raħal Ġdid, il-Fgura u Santa Luċija.

F’rapport tal-2011, il-Professur Alfred Vella, illum rettur tal-Università ta’ Malta, spjega li t-trab iswed li kien qed jaqa’ fuq il-bjut u l-btieħi tal-familji f’dawn l-inħawi kien ser jitnaqqas bil-kbir malli tintefa’ l-Power Station.

Din intfiet fl-ewwel xhur tas-sena li għaddiet meta l-aħħar boiler u turbina li kienu għadhom qed jintużaw għall-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna ntfew għall-aħħar darba u tpoġġew fuq cold standby għal każi ta’ emerġenza. Din il-Power Station mhux se tkun qed tiżżarma kompletament sakemm l-Enemalta plc ikollha biżżejjed kapaċità alternattiva fil-Power Station ta’ Delimara, hekk kif jitlestew il-proġetti li għaddejjin bħalissa.

L-Enemalta bħalissa għaddejja b’diskussjonijiet mal-awtoritajiet u malli tikseb konferma tal-pjanijiet tal-fażi li jmiss tal-proġett tat-twaqqigħ tal-Power Station tal-Marsa, ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet. Fl-fatt, dalwaqt mistennija jitkomplew ix-xogħlijiet, biż-żarmar ta’ partijiet minn Boiler 8, waħda mill-ikbar strutturi ta’ din l-infrastruttura.

L-emissjonijiet CO2 fl-inħawi naqsu b’madwar 761,000 tunnellata fis-sena minn meta ntfiet il-Power Station tal-Marsa.